L-għeruq Maltin tiegħi nista’ ngħid li jmorru sa Tas-Sliema, Birkirkara, l-Imsida u Għawdex, u dejjem kont kburija ħafna b’dan il-wirt. Ħafna membri tal-familja tiegħi emigraw lejn Londra u l-Awstralja fis-sittinijiet, meta kienu għadhom żgħażagħ. Jiena twelidt Londra. Dak iż-żmien, l-immigranti kienu mħeġġa jrabbu lit-tfal jitkellmu bl-Ingliż; madankollu jiena trabbejt qrib ħafna tal-ġenituri ta’ ommi li kienu għadhom jitkellmu bil-Malti u, għalhekk, kont imdawra bil-kultura Maltija minn età bikrija.
L-egħżeż tifkiriet tiegħi huma marbutin mal-ilsien Malti: minn kant ħerqan ma’ melodiji u innijiet popolari waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-festa, għal diskursati twal mal-ħbieb fuq l-għatba tal-bieb. Niftakar li l-ewwel darba li smajt l-għana Malti kien meta n-nanna kienet tkanta mar-record player li kellha. Il-familja kienet tkanta wkoll It-Tifla tal-Kampanja u tgħidx kemm konna nidħqu.
Wara li rkuprajt id-dritt tat-twelid billi ksibt iċ-ċittadinanza, bdejt nitgħallem il-Malti. Żewġi ngħaqad miegħi u malajr sar iħobb il-lingwa. Dan serva biex jgħaqqad lill-familja aktar flimkien. F’dan iż-żmien, skoprejt li l-kuġin tan-nannu, Dr Anton Buttigieg, ex President ta’ Malta u poeta famuż, kien membru fundatur tal-Għaqda tal-Malti (Università) u kien rebaħ premju letterarju prestiġjuż. Ħadt gost insir naf li kont qed nibni pont ma’ wieħed mill-antenati tiegħi permezz tal-imħabba komuni li kellna għall-Malti. Bejni u qrabati hemm oċeani sħaħ jifirduna iżda xorta waħda nżomm kuntatt mal-biċċa l-kbira tagħhom, u jkellmuni bil-Malti. Nuża l-Malti wkoll biex nikteb lill-kuġin u lil xi ħbieb li għandi Malta, u dan jgħinni nipprattika.
Hemm ħafna Maltin imxerrdin madwar ir-Renju Unit, iżda ħafna ssetiljaw Londra. Nemmen li l-Maltese Culture Movement (MCM) u l-Kummissjoni Għolja Maltija huma ż-żewġ organizzazzjonijiet responsabbli biex isaħħu l-komunità Maltija fir-Renju Unit. L-avvenimenti tal-MCM jiġbruna b’mod brillanti u dejjem nieħdu gost nitħaddtu bil-Malti. Il-quddies u l-purċissjonijiet reliġjużi dejjem ikunu sbieħ. Aktar ma jkun hemm avvenimenti bħal dawn, aktar tkompli tissaħħaħ il-komunità tagħna. Fil-fatt, li tkun voluntier f’dawn l-avvenimenti mhuwiex biss ta’ gost iżda huwa wkoll importanti ħafna. Darba minnhom, bħala familja lbisna lbies tradizzjonali Malti. Kemm ħassejtni kburija nilbes l-għonnella, bis-sbuħija kollha tagħha! Tifraħ qalbi meta nara ġenerazzjonijiet anzjani ta’ emigranti jitkellmu bil-Malti bejniethom. F’dawn l-okkażjonijiet widnejja mill-ewwel jaqbdu l-ħoss tal-Malti u mmur inkellimhom. L-ilsien tagħna joħloq rabta speċjali li tgħaqqadna.
Jiena nemmen li l-familji tal-emigranti għandhom jitkellmu bil-Malti b’mod regolari waqt li jgħallmu lil oħrajn ukoll. Għandna nixtru kotba bil-Malti bħala rigali u niktbu bil-Malti kull meta jkun possibbli, anke diġitalment, bl-użu tas-settings Maltin fuq it-tastiera jew l-apps. Hu x’inhu l-passatemp, jekk tħobb tisma’ l-mużika, tara xi film, taqra ktieb jew tikteb il-poeżija, tajjeb li kemm jista’ jkun tuża l-Malti. Il-quddiesa mxandra bil-Malti hija opportunità oħra biex tesponi ruħek għal-lingwa. Huwa importanti wkoll li, jekk trid titgħallem, ma taqtax qalbek, anke jekk kbirt fl-età.
Diġà jeżistu diversi opportunitajiet biex wieħed jitgħallem il-Malti, bħal korsijiet online; madankollu, għodod u inizjattivi oħrajn jistgħu jiffaċilitaw it-tagħlim tal-lingwa. Dizzjunarju elettroniku aġġornat, programmi fuq it-TV b’sottotitli Maltin, aħbarijiet Maltin b’posts bilingwi u direttorju ta’ tuturi approvati, kollha jkunu ta’ għajnuna. Ikun apprezzat ukoll jekk il-kelliema nattivi tal-Malti jieħdu ftit paċenzja u jweġbuna bil-Malti kull meta nagħmlu sforz u nużawh aħna. Dan jgħin lil min ikun qed jitgħallem biex ikun aktar kunfidenti meta juża l-lingwa fil-pubbliku.
Meta kont qed nitgħallem il-Malti, sirt konxja tar-rikkezza lingwistika u l-evoluzzjoni intriganti tiegħu tul l-istorja. Fi lsienna hemm minquxa l-ġrajja twila ta’ kif kbirna u żammejna l-identità tagħna. Meta nisma’ l-qwiel tan-nanna niftakar fiż-żminijiet sbieħ, u dan jinkoraġġini biex nikseb ħakma tajba ta’ lsien familti. Għalija, l-ilsien Malti hu bħal mera tar-ruħ kulturali tagħna: jgħaqqadna minkejja l-ġenerazzjonijiet, id-distanzi u n-nazzjonalitajiet. Hu wieħed mill-elementi li l-emigranti jkomplu jħaddnu meta jgħixu barra minn Malta. Jiena għadni fil-bidu tal-vjaġġ tiegħi fl-istudju tal-Malti, iżda nittama li xi darba l-antenati tiegħi jkunu kburin bija.
Saħħa!
Sharon Heiser (née Buttigieg) tgħix fir-Renju Unit u għandha dixxendenza Maltija. Hija membru tal-Maltese Culture Movement (UK). Dan l-artiklu hu parti mill-kampanja ‘l-ilsien Malti għal qalbi’ mtellgħa mill-Uffiċċju tal-President u l-għaqdiet tal-Malti. Din hija traduzzjoni ta’ artiklu miktub bl-Ingliż.