Sinjuri,
Ilqajt bi pjaċir din l-opportunità li nwasslilkom messaġġ fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Servizz Pubbliku.
Fil-Ġnus Magħquda, permezz ta’ Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali f’Diċembru 2002, ittieħdet id-deċiżjoni li l-ġurnata ta’ 23 Ġunju tkun iddedikata lis-Servizz Pubbliku.
Hekk kif Malta qiegħda taqdi l-funzjonijiet tagħha bħala Membru mhux Permanenti fil-Kunsill tas-Sigurta’ tal-Ġnus Magħquda, huwa tassew f’waqtu u xieraq li lkoll infakkru dan il-Jum Dinji u ningħaqdu f’dan l-apprezzament globali.
Madwar id-dinja, il-pajjiżi kollha jagħrfu r-rwol kruċjali li għandu s-Servizz Pubbliku biex iħares l-interessi tas-soċjetà kollha, u b’mod partikolari, dawk taċ-ċittadin.
Bl-istess mod, ilkoll kemm aħna, f’kull fażi ta’ ħajjitna bħala individwi kellna l-bżonn induru fuq is-Servizz Pubbliku bħala punt ta’ referenza u gwida, u npoġġu l-fiduċja tagħna fih.
Din il-fiduċja titqiegħed primarjament u direttament fuq l-uffiċċjal pubbliku, li minkejja kull żvilupp teknoloġiku u diġitali, jibqa’ l-qofol tas-Servizz.
Huwa l-persuna tal-ewwel kuntatt, u l-attenzjoni personali hija kruċjali.
Din il-fiduċja tinbena u titgawda mhux biss bil-kwalifiki akkademiċi, jew preparamenti ta’ studju li jkunu meħtieġa biex tintlaħaq pożizzjoni fis-Servizz, iżda tinbet u titkattar grazzi għall-valuri u l-prattiċi ta’ integrità, kontabilità u onestà fil-qadi tad-dmirijiet tagħkom, u fil-mod ta’ kif tibnu u żżommu – ħaj u rispettuż – ir-rapport mal-pubbliku.
Permezz ta’ dawn il-prinċipji, tistgħu tilħqu l-għan kollettiv tagħkom, li huwa dak li sservu, taqdu u tgħinu lill-poplu bid-dinjità li tixraqlu.
Meta tagħmlu dan, tkunu wkoll qegħdin tagħmlu ġieħ lilkom infuskom bħala rappreżentanti denji tas-Servizz.
Lilkom, dan jagħtikom sodisfazzjon personali.
Sinjuri,
Is-Servizz Pubbliku kiseb ħafna riżultati pożittivi f’dawn l-aħħar snin.
Kisbiet magħmula fil-qafas u fid-direzzjoni ta’viżjoni fit-tul għal tiġdid kontinwu.
Huwa importanti li f’din il-viżjoni għas-snin li ġejjin, inkomplu naraw it-tkabbir u t-tisħiħ tal-figura u tar-rwol tal-uffiċċjal pubbliku, kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tagħlim, taħriġ u żvilupp kontinwu, kif ukoll fil-bilanċ meħtieġ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u s-sens ta’ sodisfazzjon li jieħdu magħhom id-dar dawn l-uffiċċjali pubbliċi wara l-ġurnata tax-xogħol.
Minn din l-enerġija u motivazzjoni jkunu qed igawdu direttament kemm l-uffiċjali nfushom, kif ukoll il-pubbliku in ġenerali.
Dan huwa l-iskop aħħari tas-Servizz Pubbliku – ċittadin moqdi minn uffiċċjali kompetenti li jridu jkunu ta’servizz.
Fl-okkażjoni tal-lum, ippermettuli nwassal ir-ringrazzjament tiegħi f’isem il-Maltin u l-Għawdxin kollha lill-membri kollha tas-Servizz Pubbliku.
Dan l-apprezzament għandu jasal f’kull livell – mill-aktar uffiċċjali mlaħħqa għal dawk l-oħrajn kollha f’kull skala, minn fuq s’isfel.
F’din il-katina u struttura unika, l-ebda xogħol jew funzjoni ma huwa aktar importanti jew anqas bżonnjuż mill-ieħor.
Il-Pandemija dan wrietulna biċ-ċar. Kull ħolqa fil-katina kienet kruċjali biex irnexxielna negħlbu dan l-għelt.
Waqt dawk ix-xhur twal ta’ sagrifiċċju, kulħadd mill-kbir saż-żgħir kellu sehem x’jagħti biex inżommu lil xulxin u lil ta’ madwarna b’saħħitna.
Nixtieq li din il-lezzjoni ma tintnesiex hekk kif il-Pandemija b’xorti tajba ħallietna u nistgħu indawru l-folja.
Ir-rispett li wrejna ilkoll lejn is-Servizz Pubbliku għandu jibqa’ jintwera’ fil-livelli kollha u kull uffiċċjal għandu jħoss li huwa stmat u apprezzat, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra s-Servizz, għall-kontribut siewi li qed jagħti lill-pajjiżna.
Fil-futur mhux il-bogħod, is-Servizz ser ikun jiddependi aktar u aktar fuq l-użu tat-teknoloġija moderna. Dan diġà qegħdin nesperjenzawh.
Ejjew nassiguraw li ma nħallux it-teknoloġija tieħu post il-kuntatt uman, li jibqa’ l-isbaħ parti tas-servizz fuq bażi personali liċ-ċittadin.
Nagħlaq dawn il-kelmtejn billi nawguralkom mill-ġdid u nixtieqilkom kull suċċess fil-ħidma tagħkom.
Grazzi.