Kien ilu jinħass il-bżonn ta’ riċerka empirika aġġornata fuq is-sitwazzjoni lingwistika lokali. Snin ilu saru xi studji, imma kien għadu ma sarx stħarriġ wiesa’ li jkopri l-użu tal-lingwa f’sitwazzjonijiet differenti, mid-dar sal-post tax-xogħol, u li jistħarreġ ukoll il-preferenzi tal-Maltin f’kuntesti varji, bħal liema verżjoni jippreferu jaqraw meta jirċievu fuljett bilingwi, jew b’liema lingwa jsegwu l-aħbarijiet fuq l-internet u l-mezzi tal-istampa u x-xandir.
Fl-aħħar snin, is-soċjetà tagħna saret aktar kożmopolitana għaliex in-nies minn pajjiżi u kulturi differenti żdiedu sew fostna. Hu għalhekk li ritratt riċenti jgħin aktar fir-riċerka u għal għanijiet strateġiċi. Fuq bażi nazzjonali toħroġ ħafna statistika regolari fuq suġġetti bħall-prezzijiet tal-propjetà, l-għoli tal-ħajja, kemm ikunu marru nies iċ-ċinema, u kemm issellfu kotba mil-libreriji pubbliċi. Imma tagħrif kwantitattiv b’rabta mal-lingwa, b’xorti ħażina, ma joħroġx. Dan is-suġġett għadu jinħass inqas marbut mal-qasam ekonomiku, għalkemm meta nieqfu naħsbu ftit nintebħu li mhuwiex maqtugħ minnu daqskemm forsi ppreġudikati naħsbu. Kien għalhekk li l-Kunsill tal-Malti ngħaqad mad-Dipartiment tal-Malti fl-Università u kkummissjonaw stħarriġ mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħalli bejniethom jimlew dan il-vojt.
L-istħarriġ jinqasam f’żewġ partijiet: jibda b’indikazzjoni dwar l-użu attwali tal-lingwa f’kuntesti differenti tal-ħajja u mbagħad jagħti ħarsa lejn l-attitudnijiet tal-pubbliku għall-Malti u l-Ingliż. Fost ir-riżultati ewlenin, qabelxejn, insibu li 97% taż-żgħażagħ u l-adulti Maltin iqisu l-Malti bħala l-ewwel lingwa tagħhom. Din ix-xejra għolja ssegwi dak li sabu żewġ studji preċedenti (Sciriha u Vassallo fl-2001, u l-gazzetta MaltaToday fl-2018). Tirrifletti wkoll, xi ftit jew wisq, dak li ħareġ mill-istudju tal-Istat tan-Nazzjon li sar mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta fl-2022. Joħroġ ukoll li l-Malti jikkumplimenta lill-Ingliż, b’mod speċjali fil-kummerċ, fit-tagħlim, fil-komunikazzjoni u fil-ħajja ta’ kuljum. Biex taħdem, biex toffri servizzi u prodotti fis-suq lokali, u biex tirnexxi fil-karriera u n-negozju tiegħek lokalment, il-Malti hu u se jibqa’ importanti għall-komunikazzjoni mal-impjegaturi u mal-klijenti.
Barra minn hekk, il-Maltin jużaw l-Ingliż f’ċirkostanzi partikolari u preċiżi, imma jridu aktar informazzjoni, komunikazzjoni u divertiment bil-Malti, u mhux a skapitu tal-Ingliż. Il-Malti jidher li jintuża aktar fit-taħdit u f’kuntesti informali filwaqt li l-Ingliż jintuża ħafna fil-kitba. Din id-drawwa tista’ tiġi bbilanċjata billi jissaħħu l-ħiliet fil-Malti u l-Ingliż u, idealment, fit-tielet lingwa, kif tirrakkomanda l-Unjoni Ewropea. Dan għandu jkompli jsir fl-iskejjel u b’aktar riżorsi aċċessibbli, bħal gwidi tal-istil, mudelli ta’ kitbiet formali, u ċekkjatur, li lkoll iżidu l-kunfidenza fil-kitba. Il-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti (MQF 5) organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Kunsill tal-Malti qed jgħin ħafna biex tiżdied il-kuxjenza ħalli l-Malti jinkiteb u jkun viżibbli aktar fil-pubbliku mal-Ingliż.
Il-biċċa l-kbira tal-adulti Maltin jaqblu li s-siti tal-Gvern, l-ittri u l-fuljetti li jirċievu d-dar, il-formoli u d-dokumenti uffiċjali, u t-tabelli tal-binjiet u l-postijiet pubbliċi għandhom ikunu dejjem bil-Malti u bl-Ingliż. Fattur interessanti ieħor li joħroġ mill-istħarriġ hu li l-parteċipanti jqisu r-reklami bil-Malti aktar effettivi, fehma b’saħħitha li jixraq tasal għand l-aġenziji lokali tar-reklamar. Barra minn hekk, il-programmi bil-Malti huma ppreferuti ħafna aktar minn b’lingwi oħra mit-telespettaturi u s-semmiegħa Maltin. Il-Maltin jixtiequ jisimgħu wkoll iżjed mużika bil-Malti fuq ir-radjijiet lokali, ħaġa li saret possibbli bis-saħħa tal-għadd ġmielu ta’ gruppi mużikali li qed jiktbu u jkantaw lirika bil-Malti f’ġeneri differenti.
Importanti li din ir-riċerka tkompli, mhux biss billi dan l-istħarriġ jerġa’ jsir fi ftit snin oħra ħalli jiġu nnutati l-bidliet li jista’ jkun hemm f’xi xejriet, imma wkoll billi jiġu studjati fatturi oħra. Fost dawn hemm l-użu u l-preferenzi tal-lingwa fost iż-żgħar, l-għadd ta’ barranin residenti fostna li qed jitgħallmu l-Malti u f’liema livell jafuh, u l-użu tad-djaletti. Li jkollna riżultati kwantitattivi aġġornati bħal dawn fuq is-sitwazzjoni lingwistika lokali, jgħinna ma nibqgħux inserrħu fuq l-impressjonijiet u l-preġudizzji, spiss żbaljati, li jista’ jkollna. Il-Kunsill tal-Malti u entitajiet oħra fil-qasam edukattiv, tal-arti u l-kultura, fost l-oħrajn, ikunu jistgħu jirreferu wkoll għalihom biex ifasslu l-ħidma tagħhom kif jixraq u jindirizzaw aħjar il-lakuni u n-nuqqasijiet li jistgħu jkunu qed ixekklu l-iżvilupp san ta’ lsienna f’Malta stess flimkien mal-Ingliż u l-Lingwa tas-Sinjali Maltija, it-tliet ilsna uffiċjali tagħna. B’hekk ukoll inkunu nistgħu nqabblu aħjar is-sitwazzjoni tagħna ma’ ta’ pajjiżi b’lingwi użati minn ammont relattivament żgħir ta’ kelliema bħalna.
Dan l-istħarriġ sar fi tmiem l-2020 fuq kampjun ta’ ftit aktar minn elf ruħ ta’ bejn 18 u 80 sena, biċ-ċittadinanza Maltija, minn madwar Malta u Għawdex. L-istatistika tista’ tvarja bi 3.1%. Skennja dan il-kodiċi għal iżjed tagħrif dwaru:
Thomas Pace huwa d-Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u koproduttur u kopreżentatur tal-programm tar-radju ‘Seħer il-Malti’. Dan l-artiklu hu parti mill-kampanja ‘l-ilsien Malti għal qalbi’ mtellgħa mill-Uffiċċju tal-President u l-għaqdiet tal-Malti.