L-Ambaxxatur tal-Ġappun Satoshi Suzuki ppreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Il-President Vella enfasizza l-importanza li Malta tagħti lir-relazzjonijiet tagħha mal-Ġappun, u qal li dawn baqgħu jissaħħu tul l-aħħar snin. Laqa’ b’mod partikolari l-aħbar li l-Ġappun ser jiftaħ ambaxxata f’Malta fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla.
Saret referenza għall-kooperazzjoni attiva bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam multilaterali bil-President Vella jirreferi għas-Sigurtà tan-NU fejn kemm Malta kif ukoll il-Ġappun ġew eletti bħala membri mhux permanenti fil-UNSC għall-perjodu 2023-2024.
Il-President stqarr li Malta żżomm l-impenn tagħha lejn it-tisħiħ tar-relazzjoni eċċellenti li ilha għal żmien mal-Ġappun u ser tesplora aktar opportunitajiet għal kollaborazzjoni. F’dan ir-rigward, Malta tinsab ħerqana li tipparteċipa fil-World Expo li jmiss f’Osaka.
Min-naħa tiegħu, l-Ambaxxatur Suzuki spjega li ser ikun qed ifittex opportunitajiet għal investiment privat Ġappuniż f’Malta. Qabel ukoll mal-President Vella fuq l-importanza tal-multilateraliżmu, u qal li l-komunità internazzjonali teħtieġ li tħares ukoll lejn l-iżviluppi fir-reġjun tal-Asja u tal-Paċifiku sabiex jinżamm l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli.
L-Ambaxxatur Suzuki wassal l-apprezzament lill-President Vella għall-parteċipazzjoni tiegħu fiċ-ċerimonja tat-tlugħ fuq it-tron tal-Maestà Tiegħu l-Imperatur tal-Ġappun f’Ottubru tal-2019.



