George Vella

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta, għat-tnedija ta’ “Il-Festa tal-Festi”, 14 ta’ April 2023

Il-preżenza numeruża tagħkom dalgħodu, kemm min-naħa tal-midja u kemm mill-Ministri u sħabna tal-Oppożizzjoni flimkien, iqawwuli qalbi li dan il-proġett ħa jkun suċċess.

M’iniex se noqgħod nirrepeti li qalu ta’ qabli, però jiena rrid ngħid biss li, l-ewwel nett, nirringrazzja lil min ħareġ bl-idea, min żviluppaha u lil ħafna nies li kienu involuti fit-tim biex dan il-proġett jitwettaq.

Jiena konvint illi, anki mid-diskors li smajna bħalissa, hemm konvinzjoni li dan mhux ħela taż-żmien, dan huwa xi ħaġa li għandu ħafna għanijiet. U wieħed mill-għanijiet prinċipali huwa dak illi aħna b’xi mod nikkonservaw kemm nistgħu, u mhux biss nikkonservaw imma anki nelevaw, il-kultura tagħna. Aħna pajjiż żgħir u li kieku ma kienx għall-isforzi biex inżommu l-kultura tagħna, li jiena dejjem sħaqt fuqha, l-ilsien, il-bandiera, l-innu, il-lingwa tagħna, pajjiżna jkollu l-periklu li jista’ bil-mod il-mod jitlef l-importanza tiegħu.

Verament għandna l-pożizzjoni ġeografika tagħna li ma tista’ titbiddel bl-ebda mod, u tagħtina identità, imma jekk aħna m’aħniex se nagħmlu l-isforzi tagħna kollha, speċjalment fl-iżviluppi globali li għaddejjin, hemm periklu li dak li kien tagħna u li niftaħru bih u li kien jagħmilna u jiddistingwina minn pajjiżi oħra, dan jista’ jibda jiddilwixxi ruħu u nibdew bilkemm nagħrfuh.

Irridu nirrealizzaw, u kien hemm diġà, mingħalija Owen, li għamel referenza għaliha, illi diġà għandna għoxrin fil-mija tal-poplu tagħna li huma barranin, huma nies illi ġew għal raġunijiet differenti, minħabba eżiġenzi ekonomiċi, però nies illi llum irridu naċċettaw li huma parti mill-popolazzjoni Maltija u huma parti mill-poplu Malti. Ma nistgħux nibqgħu ngħidu “aħna u huma” imma rridu ngħidu “aħna lkoll”.

Huwa importanti illi, kif intqal diġà, anki nibdew indewqu lil dawn in-nies, li qegħdin magħna f’pajjiżna biex nipproduċu l-ekonomija li għandna, x’inhuma l-affarijiet sbieħ li għandna. U għandna affarijiet sbieħ!

U sfortunatament jiena dan, kemm ili fil-Presidenza u anki qabel, kien ikiddni immens għaliex ħafna drabi għandna tendenza illi nitkellmu b’mod negattiv fuq pajjiżna, sfortunatament anki barra minn pajjiżna. U din hija xi ħaġa illi tkiddni.

Ejja nagħmlu l-argumenti tagħna bejnietna, ejja niddiskutu bejnietna, ejja nsibu s-soluzzjonijiet bejnietna, però ejja npoġġu fuq nett l-interess ta’ pajjiżna.

Dan il-pajjiż irridu ngħadduh lil uliedna bħalma writnieh mingħand ta’ qabilna. Jiġu okkażjonijiet fejn niċċelebraw okkażjonijiet kbar fejn ta’ qabel għamlu sagrifiċċji enormi biex dan il-pajjiż żammewh għaddej. Aħna kulma qegħdin nitolbu huwa li għall-inqas nibqgħu nibżgħu għal dak li writna.

U din hija l-idea, biex niġi għas-suġġett tal-lum, li aħna niċċelebraw il-festa Maltija. Nafu illi matul is-snin, bejn l-influwenza tal-Knisja, li nammettu jew ma nammettux għandha parti importantissima fil-kultura tagħna, il-festi saru parti integrali mill-irħula u mill-ibliet tagħna. Ma nsemmix l-involviment imbagħad tal-każini tal-baned illi nibtu matul is-snin biex anki jgħinu jiċċelebraw il-festi, u mbagħad l-affarijiet l-oħra li żviluppaw: l-arti tan-nar, it-tiżjin u dawn l-affarijiet kollha. Dawn huma xi ħaġa illi f’dawn il-ġranet li se nagħmlu hawnhekk ħa nippruvaw illi neżaltawhom, ħa nippruvaw noħorġuhom, ħa nippruvaw nuruhom b’mod konċentrat, b’mod kumpatt, però fl-istess ħin ukoll b’mod illi dak li jkun jieħu gost meta jiġi hawnhekk.

Jiena nawgura lill-organizzaturi, nirringrazzjahom għall-isforz enormi. U hawnhekk qed nerġgħu nidħlu wkoll fl-element li anki ssemma diġà: il-bżonn tal-volontarjat biex dawn il-festi, anki festi tal-irħula, jibqgħu jiġġeddu għaliex mingħajr volontarjat ma jsir xejn. U rrid norbot ukoll il-fatt illi dan juri, anki fl-irħula meta jkollok il-festi, is-sens ta’ solidarjetà.

Hawn min forsi jitbissem, jgħidlek: “Iva, imma jkun hemm il-piki!” Ħafna drabi l-piki jkunu piki pożittivi, piki kostruttivi biex l-affarijiet imorru mit-tajjeb għall-aħjar. F’dan is-sens, f’dan li qegħdin nagħmlu hawnhekk aħna llum, qegħdin anki nuru sens ta’ solidarjetà. Solidarjetà mal-Community Chest Fund.

Tafu li l-Presidenza ta’ qabli u ta’ qabel ta’ qabli u li writt jien hija marbuta strettament mal-Community Chest Fund, fond illi sfortunatament numru kbir dejjem jikber ta’ nies jiġu bżonnu. Mhux se noqgħod nidħol f’figuri imma ħa ngħid biss illi wieħed irid iżomm quddiem għajnejh ukoll il-bżonnijiet li hemm ma jaqtgħu xejn biex il-Community Chest Fund tieqaf ma’ min ikollu bżonnha.

U l-iskop ta’ dawn il-festi li qegħdin nagħmlu, ovvjament, qed norbtuhom mad-dħul illi mbagħad imur għall-ġid tal-Community Chest. Jiġifieri min jiġi hawnhekk ikun qiegħed jirrikrea ruħu, ikun qed jieħu gost, ikun qiegħed jgħin biex inġeddu t-tradizzjonijiet tagħna, però fl-istess ħin ukoll ikun qed jikkontribwixxi għal għan nobbli illi sfortunatament ħafna nies jiġu bżonn l-għajnuna tiegħu.

U għalhekk jiena nħeġġiġkom biex immexxu l-kelma fuq dan is-suġġett. Lill-midja nirringrazzjahom li qegħdin hawnhekk biex iwasslu dan il-messaġġ u nispera li dan ikun suċċess ħalli kull min organizza u anki min fl-aħħar mill-aħħar jagħmel il-kontijiet, ikun kuntent li dan kien suċċess. Però nagħlaq fuq punt wieħed biss, l-iskop tiegħu prinċipali dan huwa illi aħna nġeddu u nżommu ’l fuq kemm nistgħu l-kultura Maltija li għandna nkunu kburin biha għaliex tagħmilna uniċi.

Nirringrazzjakom.

Skip to content