Onorevoli Prim Ministru,
Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni,
Mr Speaker,
Sinjuri,
Nifraħlek, Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, għal din il-ħatra bħala t-tieni Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Għalkemm din hija istituzzjoni pjuttost ġdida fl-istorja ta’ pajjiżna, il-funzjonijiet tagħha diġà għandhom sisien sodi u jgawdu minn apprezzament wiesa’.
L-oqsma li ser topera fihom bħala Kummissarju huma delikati u sensittivi għax iqarrbuk mill-viċin lejn ix-xena politika ta’ pajjiżna.
Fil-qadi tad-dmirijiet tiegħek, sabiex tiddetermina seħħewx atti illegali, abbużi tal-poter jew ksur tal-etika, ser jintalbu minnek integrità u indipendenza assoluta, li jserrħu wkoll fuq stħarriġ dettaljat u fattwali.
Lil hinn mill-każijiet individwali, il-kariga tiegħek għandha rwol kruċjali biex tkompli tiżviluppa l-kultura ta’ skrutinju, li hemm bżonn tissaħħaħ aktar fostna.
Il-pedamenti u l-prospetti għal xogħol sfiq fil-futur qarib qegħdin hemm, grazzi għar-riżultati miksuba minn dan l-Uffiċċju.
Nirreferi għall-istudju li ppubblikat il-Kummissjoni Ewropea proprju ftit tal-ġranet ilu fil-15 ta’ Frar, bit-titlu Handbook of Good Practices in the Fight Against Corruption, li fl-ambitu tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tat-trasparenza fl-Unjoni Ewropea, isemmi b’mod pożittiv il-ħidma tal-Kummissarju għall-Istandards ta’ Malta.
L-istudju li qed insemmi josserva li anki f’kuntest politiku ppolarizzat bħal dak Malti, il-Kummissarju stabbilixxa livell għoli ta’ kredibilità mal-pubbliku minn kull naħa politika. Dan, ikompli jgħid id-dokument, huwa fattur fundamentali għas-suċċess ta’ dan l-Uffiċċju.
Jidher ukoll li l-Uffiċċju kiseb rispett fuq livell internazzjonali hekk kif kemm il-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jirreferu għar-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu minn żmien għal żmien.
Dan kollu huwa ta’ ġieħ għat-tħaddim tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Jiena nawgura li x-xogħol fix-xhur u s-snin li ġejjin ikompli jibni b’mod kostanti fuq ir-riżultati u l-livelli li rajna s’issa.
Ippermettuli nsemmi aspett ieħor li b’mod dirett, iżda forsi aktar sottili, jorbot il-ħidma tal-Kummissarju max-xejriet u l-futur tal-kamp politiku f’Malta.
Qegħdin immissu b’idejna sens ta’ apatija u nuqqas ta’ ħeġġa qabel xi ħadd jitħajjar għall-politika.
Jien inħoss li minflok tgerrex lil dawk li għandhom intenzjonijiet serji, il-ħidma ta’ skrutinju tal-Kummissarju għandha pjuttost sserraħ l-imħuħ u tkun ta’ motivazzjoni.
Meta l-parametri kontra kull abbuż ikunu stabbiliti u ċari, u l-infurzar ikun ekwu u b’saħħtu, wieħed iktar iħoss li jista’ jaqdi lil pajjiżu fil-qasam politiku mingħajr ebda biża’ u bis-serenità kollha.
Nagħlaq dawn il-kelmtejn billi nerġa’ ntenni l-awguri tiegħi lill-Kummissarju Joseph Azzopardi u nixtieqlu kull suċċess f’dan ir-rwol.
Grazzi.