George Vella

Diskors mill-E.T. George Vella, President ta’ Malta, fl-okkażjoni tal-175 Anniversarju mit-twaqqif tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, 27 ta’ Jannar 2023

Onorevoli Prim Ministru,

Onorevoli Ministri,

Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni,

President tal-Kamra,

Mistednin Distinti,

Ilqajt bi pjaċir din l-istedina u nirringrazzja lill-President Marisa Xuereb u l-membri tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija talli għoġobhom jitolbuni naqsam il-ħsibijiet u l-perspettiva tiegħi fuq l-importanza ta’ dan l-Anniversarju.

Nibda qabelxejn billi nwassal l-apprezzament tiegħi għall-ħidma li qed twettaq din il-Kamra għat-tisħiħ, mhux biss ekonomiku u kummerċjali ta’ pajjiżna, iżda wkoll għal ħafna okkażjonijiet fejn il-Kamra tanalizza, tistudja u tagħti direzzjoni.

Fix-xogħol tagħha, il-Kamra qiegħda kulma tmur, dejjem tifrex l-oqsma li ssemma’ leħinha fuqhom, bit-tir li tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja, fl-interpretazzjoni l-aktar wiesgħa tagħha.

Permezz tal-istudji dettaljati, konsultazzjonijiet u anki stqarrijiet – kultant ukoll b’saħħithom u bla tidwir tal-kliem – il-Kamra qisha mera li tirrifletti l-iżviluppi, tajbin u inqas tajbin, li qed iseħħu fis-soċjetà tagħna.

Dan minn dejjem kien.

Jekk nagħtu titwila fuq fuq lejn ir-rwol storiku li kellha l-Kamra, bid-diversi titli u kompożizzjonijiet tul id-deċennji, naraw kif din l-entità dejjem imxiet id f’id mal-iżviluppi kontemporanji ta’ dak iż-żmien.

Fl-ewwel snin tagħha, fl-eqqel tal-era kolonjali, kienet xprun strateġiku għall-kummerċ Ingliż fl-ibħra tal-Mediterran.

Iktar reċentement, preċiżament fl-1942, nibtet sezzjoni fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ biex tirrapreżenta l-industrija. Fl-1946, din ħarġet mill-Kamra u twaqqfet il- Federazzjoni tal-Industrija, li eżatt wara t-Tieni Gwerra Dinjija, f’kuntest ta’ tifrik u deżolazzjoni, rat kif tagħmel biex tagħti spinta lis-settur industrijali, u ma damitx ma żviluppat kuntatti bżonjużi ferm ma’ entitajiet simili ’l bogħod minn xtutna.

L-evoluzzjoni ta’ dawn iż-żewġ entitajijiet baqgħet miexja pari passu mat-tibdil li għaddiet minnu Malta, u mhux biss. 

Ir-riformi u l-immodernizzar tal-ekonomija lokali, il-globalizzazzjoni dejjem aktar evidenti fuq livell internazzjonali, is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, id-dħul fiż-żona Ewro u l-ftuħ tal-fruntieri fiż-Żona Schengen, kollha kellhom impatt fuq il-futur tal-Kamra li biex tibqa’ rilevanti kellha bilfors tadatta għal dawn il-fatturi.

Il-milja kompliet tintlaħaq meta fis-sena 2009, ingħaqdu ż-żewġ pilastri tal-kummerċ u tal-industrija, bis-sħubija tal-Kamra tal-Kummerċ u l-Federazzjoni tal-Industrija f’entita’ waħda. B’hekk, kemm il-viżjoni kif ukoll l-implimentazzjoni, saru komprensivi u fuq skala kemm jista’ jkun mifruxa.

Illum il-ġurnata nistgħu niftaħru – u nuża din il-kelma intenzjonalment – b’entità li filwaqt illi tħares l-interessi tal-membri tagħha u tipprovdilhom kull għajnuna tanġibbli, qiegħda wkoll f’pożizzjoni ideali li tagħti sehem kostruttiv fit-tfassil ta’ policies nazzjonali, li jmorru lil hinn mill-oqsma strettament kummerċjali, iżda li jista’ jkollhom impatt, pożittiv jew negattiv, fuqhom.

Bla dubju, il-Kamra għandha sehem ewlieni biex tistudja kif jingħelbu l-effti ħżiena ta’ diversi sfidi ta’ natura globali, u li għandhom jew jista’ jkollhom ukoll influwenza diretta fuq ix-xenarju lokali.

Wara sentejn ta’ pandemija kiefra, qegħdin nitħabtu kontra l-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna speċjalment fl-oqsma tal-konnettività, il-prezzijiet tal-prodotti u anki fis-settur tal-enerġija.

Ilkoll nittamaw li bl-għaqal u b’determinazzjoni, noħorġu minn dan il-kapitlu ikrah bl-inqas ħsara possibbli u nirkupraw mill-aħjar li nistgħu minn dawn l-impatti negattivi.

Sinjuri,

M’iniex ser nidħol f’xi spjegazzjoni jew analiżi teknika tal-oqsma li topera fihom din il-Kamra fl-okkażjoni tal-lum.

Hawn bosta esperti f’din il-kamra f’dan ir-rigward, u dik il-biċċa xogħol inħalliha għalikom.

Lanqas biħsiebni nkun jien li nelenka s-suċċessi minn naħa u d-disfatti minn naħa l-oħra.

L-għan tiegħi llum huwa pjuttost li nirriflettu fuq ir-rabta bejn is-settur kummerċjali u oqsma oħrajn li forsi għadna ma drajniex inħaddmuhom flimkien għat-titjib kollettiv ta’ ħajjitna.

Insemmi pereżempju l-importanza ta’ suġġetti bħall-ambjent, l-edukazzjoni, it-tisħiħ tas-soċjetà, il-multikulturaliżmu u l-istat tad-dritt, il-politika barranija meta wieħed qed jiddiskuti t-tkabbir tal-ekonomija u l-profil kummerċjali tal-pajjiż.

Fil-fehma tiegħi, ċertament li din il-Kamra qiegħda taqdi rwol importanti ħafna.

Dan ngħidu fl-isfond ta’ bosta inizjattivi u studji li tħejjew bil-ħsieb li jkompli jikber l-għarfien kemm fil-klassi politika, fost l-intraprendituri kif ukoll fost il-pubbliku inġenerali li soċjetà b’saħħitha u kuntenta ma tinbeniex biss fuq kemm huma kbar it-tranżazzjonijiet monetarji, u l-miljuni ġenerati.

Jien apprezza għalhekk is-servizz li qed tagħti din il-Kamra lill-komunità kollha meta turi b’mod kważi empiriku kif l-ebda settur jew qasam ma jista’ jiġi evalwat u indirizzat b’mod effiċjenti, f’iżolazzjoni jew għal riħu, maqtugħ minn kull konsiderazzjoni oħra. 

Jekk isir dan, inkunu qed inħarsu biss sa xiber imneħirna, u bħala riżultat, is-soluzzjonijiet ikunu temporanji, superfiċjali u mhux sostenibbli.

Inkunu qed nidħku bina nfusna.

Ser insemmi bħala każ kurrenti, is-suq tax-xogħol. 

Żgur li dan huwa eżempju li jitlob viżjoni wiesgħa u li tmiss ma’ bosta setturi oħra u li ma jistax jiġi indirizzat b’lenti dejqa, jew b’perspettiva ristretta.

Immedjatament jiġi f’moħħna s-settur tal-edukazzjoni u kif dan għandu  impatt rwol ċentrali u dejjiemi fuq is-suq tax-xogħol u allura l-ekonomija tal-pajjiż.

F’dan ir-rigward, naqbel perfettament mar-rakkomandazzjonijiet li għamlet din il-Kamra propju ftit tal-ġranet ilu, biex tkompli tinbidel il-mentalità żbaljata li l-edukazzjoni mhix biss waħda akkademika, u tal-kotba u l-eżamijiet biss, iżda għandu jkollha firxa wisq ikbar.

Għal riżultati pożittivi u fit-tul anki fix-xejra ekonomika tal-pajjiż, l-edukazzjoni, sa minn etajiet żgħar, trid tinkludi wkoll il-valuri tal-komunità, l-apprezzament tat-teknoloġija, il-ħsieb kritiku, it-tħaddim tajjeb tal-midja, l-inklużjoni kulturali u l-kapaċità li nkunu flessibbli, u naċċettaw il-bidla.

La qegħdin insemmu l-inklużjoni, ser nisħaq fuq punt ieħor li huwa wkoll marbut mas-suq tax-xogħol u li lili jinkwetani mhux ftit.

Kulma jgħaddi ż-żmien, qegħdin ilkoll naraw kemm żdiedu sewwa, kemm fil-kwantità u kemm fit-ton, id-diskussjonijiet, kultant kontroversjali  fuq il-ħaddiema barranin li għandna fostna.

Lil hinn mill-istatistika u r-raġunijiet  ekonomiċi ta’ għalfejn ġejna bżonn ħaddiema barranin, u jekk hemmx il-prospett li titnaqqas din id-dipendenza, speċjalment f’ċertu setturi, hemm bżonn ta’ bidla radikali tal-mod kif inħarsu lejn il-kundizzjonijiet li wħud minnhom jispiċċaw fihom.

La l-pajjiż ġie bżonnhom, u qiegħed jieħu servizz tajjeb minnhom, inħoss li huwa dover tiegħna li nħarsu l-interessi u d-dinjità tagħhom.

Qed insemmi d-dinjità, għax spiss nisimgħu b’abbużi sfaċċati li m’għandu qatt ikollhom post f’soċjetà ċivilizzata u moderna.  Abbużi li għandhom iħammru wiċċ min iwettaqhom.

Dan jorbot ħafna mat-tibdil b’saħħtu li għaddej minnu pajjiżna, f’dak li huwa l-bidla għal soċjetà multikulturali.

Ma nistgħux nibqgħu naħsbu f’termini ta’ ‘aħna u huma’, fejn sikwit naraw li bejn il-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiem Malti u dak tal-barrani jkun hemm baħar jaqsam.

Din hija realtà li rridu nindirizzaw b’mod realistiku, matur, uman u b’saqajn mal-art.

Nappella lill-awtoritajiet, lil din il-Kamra, u lill-membri tagħha biex jagħmlu l-almu tagħhom kemm fit-tfassil ta’ policies u iktar u iktar fejn jidħol l-infurzar fuq bażi regolari.

L-ambjent ukoll huwa suġġett ieħor li hemm bżonn insemmuh aktar meta niddiskutu l-kwalità tal-ħajja. Drajtuni sew insemmi dan il-punt, bħal ma jagħmlu ħafna oħrajn, kull meta tippermetti l-okkażjoni.

Il-Kamra minn dejjem tat importanza lil dan is-suġġett u napprezza l-mod globali li bih illum qed jiġi miftiehem l-ambjent – mill-klima u l-enerġija, l-arja nadifa, il-bijodiversità, il-provvista tal-ilma, il-mobilità sostenibbli, il-bini u l-kostruzzjoni – dawn kollha huma aspetti differenti ta’ kif niddiskutu l-ambjent.

Ninnota wkoll bi pjaċir l-enfasi li l-Kamra tpoġġi fuq il-membri tagħha stess biex il-pjanijiet tagħhom għat-tul ikunu dejjem aktar mibnija fuq is-sostenibilità u mhux il-profitti biss.

Sinjuri,

Iktar kmieni semmejt ir-rilevanza ta’ din il-Kamra u strutturi oħra bħalha fil-kuntest tar-riformi li għaddejjin biex ikomplu jissaħħu l-kontabilità u l-istat tad-dritt.

Bħala operaturi ewlenin fl-oqsma tal-kummerċ, l-intrapriża u l-industrija għandkom rwol kruċjali li taħdmu mal-awtoritajiet u l-membri tagħkom favur il-governanza tajba.

Għandu jkollkom kull setgħa, kuraġġ u serenità li titkellmu u tieħdu passi meħtieġa fejn taraw l-abbuż.

Bl-istess mod, għandkom tużaw il-mezzi kollha biex tkomplu twasslu l-messaġġ ma’ entitajiet u anki intraprendituri individwali barra minn xtutna, dwar il-kredenzjali sodi u pożittivi li pajjiżna għandu x’joffri.

Meta tagħmlu dan, żommu s-sens ta’ indipendenza, oġġettività u rettezza li għaraftu żżommu tul is-snin.

Il-kritika hija dejjem tajba meta hija kostruttiva, meta hija responsabbli, u meta ibbażata fuq il-fatti u mhux fuq l-ispekulazzjoni.

Nixtieq nara l-ħidma tagħkom tkompli miexja fuq dawn l-istess parametri fis-snin li ġejjin.

Qabel nagħlaq, ippermettuli niftaħ parenteżi qasira iżda f’waqtha ferm, biex inrodd ħajr lill-President tal-Kamra Marisa Xuereb għat-tmexxija eċċellenti li biha kompliet issaħħaħ ir-rispett li tgawdi din il-Kamra.

Sinjura President, tul dawn l-aħħar sentejn kien verament pjaċir għalija naħdem mill-qrib miegħek, kelli bosta okkażjonijiet fejn stajt ingawdi mill-għarfien dettaljat, mill-ħsieb ċar, mill-onestà u l-professjonalità tiegħek.

Nirringrazzjak f’isem il-Poplu Malti tas-servizz li tajt f’din il-kariga, fejn komplejt issaħħaħ ir-rispett miksub minn dawk ta’qablek, li bħalek kellhom ix-xorti, u r-responsabbilità li jmexxu din il-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u l-Industrija.  

Grazzi.

Skip to content