George Vella

L-ilsien Malti għal qalbi

“Bonġu!”

“L-għodwa t-tajba!”

“Kif int?”

Ħafna drabi dawn il-frażijiet ngħiduhom mingħajr ma naħsbu meta nsellmu lil xulxin imma żgur juru li aħna Maltin. Bosta nies importanti jħaddmu l-lingwa Maltija fix-xogħol u l-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Fost dawn hemm il-President George Vella li saħaq fuq il-ħtieġa li nħarsu u ngħożżu l-Ilsien Malti.

Għalhekk fl-20 ta’ Ġunju 2022 tnediet kampanja, ‘L-Ilsien Malti għal Qalbi’, fejn tlaqqgħu l-għaqdiet tal-Malti kollha b’għan wieħed – dak li jgħinu ħalli l-lingwa Maltija tidħol aktar fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u ma tkunx biss lingwa tagħna l-Maltin. Fostna hawn min ġej minn pajjiż differenti imma jaf jitkellem ukoll bil-Malti għax irid jikkomunika u jintegra ruħu tajjeb f’pajjiżna. Hemm universitajiet fil-Ġermanja u Franza fejn jitgħallmu l-Malti. U tant tqanqal interess il-lingwa tagħna li saħansitra riċerkaturi mill-Amerka saċ-Ċina qegħdin jistudjaw dwar il-binja ta’ din il-lingwa. Min jaf kemm damu jfittxu l-gżira tagħna fuq il-mappa tad-dinja!

Iżda mhux nies importanti jew tal-universitajiet biss għandhom jgħożżu l-Malti. Għandna nkunu kburin li għandna l-lingwa tagħna. Għaldaqstant din il-kampanja se tgħin biex il-Malti jgħaqqad soċjetà sħiħa. Għal dan l-għan il-Malti jaqdina tajjeb fejn tidħol il-lingwa tas-sinjali. Nittamaw li naraw aktar sottotili fuq il-mezzi tax-xandir, għal dawk neqsin mis-smigħ. Bl-istess mod għandhom jidħlu kotba awdjo għal dawn neqsin mid-dawl. B’dan il-mod ukoll nistgħu nwasslu l-letteratura Maltija lil firxa usa’ ta’ nies.

Il-ġenituri huma l-ewwel għalliema tagħna. Dil-kampanja tħeġġeġ lill-ġenituri u lin-nanniet sabiex jitkellmu mat-tfal u n-neputijiet bil-Malti. U aħna t-tfal ukoll għandna nidħlu f’diskursati bil-Malti, fejn hu possibbli. Jekk kelma taqdina tajjeb bil-Malti għandna nużaw lilha u mhux nużaw kelma oħra b’lingwa barranija. Waqt il-logħob nistgħu nużaw espressjonijiet idjomatiċi li huma tagħna. U hemm ħafna, tafux, kemm jekk tkun qed titlef waqt il-logħob kif ukoll meta tkun qed tirbaħ! B’hekk inkun qed inżommu l-lingwa ħajja, lingwa li taddatta għaż-żminijiet u fuq kollox li turi l-identità tagħna.

Saħħiet!

Skip to content