Il-Malti sabiħ wisq. Hekk inħoss jien, Żvediża, dwar il-lingwa Maltija. Bdejt nitgħallem il-Malti b’mod iddedikat mill-Iskozja f’Settembru 2020. Sena wara rritornajt Malta u ħassejtni differenti ħafna minn meta tlaqt. Meta żort u għext Malta fil-passat, ma stajtx nifhem il-lingwa, iżda din id-darba stajt nikkomunika mal-Maltin u l-Għawdxin bil-Malti: esperjenza ġdida għalija. F’dan l-artiklu, se nispjega għalfejn għażilt li nitgħallem il-Malti, kif tgħallimtu, u kif inħossni issa li nista’ nikkomunika bih. Fl-aħħar se nagħti ħarsa lejn ir-riċerka tad-dottorat li qed nagħmel fuq il-bilingwiżmu Malti-Ingliż.
L-interess tiegħi fil-Malti nibet bħala xewqa li nifhem il-lingwa li kont qed nisma’ madwari. Għext Malta għal erba’ snin u tlaqt biex nistudja l-Psikoloġija fl-Ingilterra u l-Iskozja, imma kull darba li ġejt lura vera xtaqt inkun nista’ nifhem u nitkellem il-lingwa nazzjonali tal-pajjiż li għalija huwa dar oħra. Fuq kollox, xtaqt nintegra iktar fis-soċjetà u nidħol iktar fil-fond fil-kultura. Għalhekk iddeċidejt li nitgħallem il-Malti. Illum nieħu ħafna gost nuża l-Malti fil-ħajja ta’ kuljum u nipparteċipa fl-attivitajiet li jsiru bil-Malti, speċjalment meta l-Maltin u l-Għawdxin iweġbuni bil-Malti. Inħossni mimlija ħeġġa u iktar parti mis-soċjetà. Qisni dħalt f’dinja ġdida fejn nista’ nesperjenza u nħoss b’mod differenti r-rabta li hemm bejn in-nies tal-gżejjer Maltin. Nogħdos fil-lingwa; qisni qabel kont nara l-baħar minn fuq, filwaqt li issa qed niskopri l-ġmiel ta’ kuluri u ħajja taħt wiċċ l-ilma. Din hija esperjenza meraviljuża li tagħtini ħafna enerġija.
Mindu bdejt nitgħallem il-Malti, sirt inkun iktar u iktar affaxxinata bis-sbuħija tal-lingwa. Xi wħud mill-aspetti sbieħ tal-ilsien Malti, fl-opinjoni tiegħi, huma l-istruttura tal-kliem u kif tintiseġ il-lingwa. Pereżempju, il-parti tal-lingwa li taħdem bl-għerq u bil-forom hija interessanti u differenti minn kif jaħdmu l-lingwi Rumanzi u Ġermaniċi li kont diġà naf. Jaffaxxinani l-mod kif l-għerq huwa magħmul minn konsonanti biss u kif kelmiet marbutin mal-istess idea bażika huma magħqudin bl-istess għerq. Dawn l-interkonnessjonijiet sbieħ jgħinuni nagħraf kliem ġdid ukoll. Ħafna drabi niltaqa’ ma’ kelma ġdida li qatt ma smajtha jew qrajtha qabel, imma mill-għerq u mill-kuntest inkun nista’ naqta’ xi tfisser. Il-Malti huwa sabiħ ukoll għax jirrifletti l-istorja ta’ Malta, billi hemm elementi ġejjin mill-Għarbi, mill-Isqalli, mit-Taljan u mill-Ingliż. Il-melodija tal-lingwa togħġobni ħafna wkoll. L-ilsien Malti ngħożżu u nieħu gost inkompli l-vjaġġ tat-tagħlim ta’ din il-lingwa sabiħa.
Jiena tgħallimt – u qed nitgħallem – il-Malti b’diversi metodi. Minn Settembru 2020 sa Settembru 2021 tgħallimt il-Malti mill-Iskozja. Għandi xi kotba tal-grammatika li jgħinuni nifhem kif taħdem il-lingwa Maltija. Studjajt ħafna kliem u pprattikajt kif nibni sentenzi bażiċi. Użajt ukoll kotba b’siltiet u djalogi, u ħadt gost nipprattika l-pronunzja billi naqrahom b’vuċi għolja. Peress li l-pronunzja ta’ ċertu kliem bil-Malti, l-iktar fejn tidħol l-ittra ‘q’, tista’ tkun diffiċli għalija, is-smigħ ta’ djalogi u stejjer kif ukoll il-qari tal-istess test b’vuċi għolja kienu ta’ għajnuna kbira għalija. Sibtha utli ħafna meta kelli kemm verżjoni awdjo kif ukoll it-test miktub tal-istess storja, djalogu jew silta. Is-smigħ tal-lingwa huwa importanti għalija. Fil-fatt, l-iktar ħaġa li nagħmel biex nitgħallem il-Malti mill-Iskozja hija li nqatta’ ħafna ħin nisma’ l-lingwa fuq ir-radju u t-televiżjoni, anke meta nagħmel il-faċendi. Bdejt bi programmi televiżivi għat-tfal u fil-bidu ma kontx nifhem ħafna, iżda maż-żmien bdejt nifhem iktar u iktar.
Darba fil-ġimgħa nieħu lezzjoni online. Waqt il-lezzjonijiet li ħadt fl-ewwel sena, qrajt ħafna stejjer b’vuċi għolja. Bejn lezzjoni u oħra kont nistudja l-kliem u l-espressjonijiet il-ġodda u nerġa’ naqra l-istejjer b’vuċi għolja. Barra minn hekk, kelli ħafna opportunitajiet biex nipprattika l-konverżazzjoni spontanja. Għalkemm għadni nisma’ u naqra stejjer ġodda, din is-sena qed niffoka iktar fuq il-ħila tat-taħdit billi nipprattika l-konverżazzjoni u nitgħallem kelmiet u espressjonijiet ġodda. Nixtieq nirringrazzja lill-għalliema tiegħi, Sarah Caruana u Elaine Spiteri; il-lezzjonijiet kienu u baqgħu l-parti favorita tiegħi mit-tagħlim tal-Malti mill-Iskozja.
Meta ġejt lura Malta ltqajt ma’ opportunitajiet ġodda biex nipprattika l-lingwa. Nieħu ħafna gost nitkellem bil-Malti fil-ħajja ta’ kuljum: fil-ħwienet, mal-ħbieb, fuq il-monti, mal-ġirien, fit-triq, u f’ħafna postijiet oħra. Kelli l-opportunità nsegwi xi lezzjonijiet tal-Malti fl-Università ta’ Malta wkoll bis-saħħa ta’ Dr Michael Spagnol u l-Prof. Manwel Mifsud li laqgħuni fil-klassijiet tagħhom. Minbarra s-smigħ, il-qari u t-taħdit, nipprova nikteb bil-Malti kemm jista’ jkun. Pereżempju, nieħu pjaċir nikteb l-emails u l-messaġġi bil-Malti. B’hekk inkompli nitgħallem il-Malti f’Malta stess u nuża l-lingwa Maltija fil-ħajja ta’ kuljum.
Bħalissa qed nagħmel dottorat fuq il-bilingwiżmu Malti-Ingliż u l-użu tal-lingwa f’Malta. Fi kliem iktar preċiż, qed nirriċerka l-użu tal-Malti u tal-Ingliż f’kuntesti u f’sitwazzjonijiet differenti, u kif dawn jintrabtu mal-attenzjoni, il-memorja u d-deċiżjonijiet li nieħdu. Din ir-riċerka qed issir bejn l-Università ta’ Edinburgh u l-Università ta’ Malta. Qed infittex parteċipanti li għandhom minn 18-il sena ’l fuq biex jieħdu sehem fir-riċerka tiegħi: persuni li jitkellmu kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż, u oħrajn li jitkellmu bl-Ingliż imma ma jitkellmux u ma jifhmux bil-Malti. Jekk tixtieq tipparteċipa jew għandek xi mistoqsija, jekk jogħġbok ikkuntattjani fuq jessica.schulz@ed.ac.uk għal iktar informazzjoni.
Il-Malti għal qalbi u ninsab ħerqana biex inkompli nitgħallem u nuża din il-lingwa tant sabiħa.
Jessica Schulz hija riċerkatriċi Żvediża u kelliema tal-Malti. Dan l-artiklu hu parti mill-kampanja ‘l-ilsien Malti għal qalbi’ mtellgħa mill-Uffiċċju tal-President u l-għaqdiet tal-Malti.