On. Prim Imħallef,
On. Ministru għall-Ġustizzja,
Avukat tal-Istat,
Sinjuri Mħallfin,
Mistednin Distinti,
Insellmilkom u nilqagħkom bi pjaċir fil-Palazz tal-Belt għal din l-okkażjoni importanti għall-qasam tal-ġustizzja u t-tisħiħ tal-Istat tad-Dritt f’pajjiżna.
Filwaqt li nagħti merħba lilkom ilkoll, nilqa’ b’mod speċjali lilkom – Sinjuri Mħallfin – u nifirħilkom għal din il-ħatra prestiġjuża.
It-tifsira ta’ din il-ġurnata għalikom u għall-qraba tagħkom hija bla dubju waħda ta’ sinifikat u valur kbar.
Illum qed tgħixu l-milja tal-istudji tagħkom, tal-esperjenza wiesgħa tagħkom fis-settur legali, u tal-isforz u s-sagrifiċċju li għamiltu tul is-snin biex tkunu tistgħu taslu fejn wasaltu llum.
Dawn l-aħħar xhur smajna u tkellimna ħafna fuq il-ħtieġa ta’ aktar riżorsi fil-Qrati tagħna, u fuq kemm fadal x’isir biex jiġu evitati d-dewmien u proċeduri twal fl-implimentazzjoni tal-ġustizzja.
Nemmen li dan li qed nagħmlu llum huwa pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba.
Il-Poplu Malti ser ikun qed iserraħ fuq l-għaqal u d-dehen tagħkom sabiex tkompli titħares il-Kostituzzjoni, il-liġijiet tagħna, kif ukoll l-interessi ta’ kull wieħed u waħda minna.
It-tnejn li intom diġà għandkom esperjenza, pożittiva u mhux żgħira, bħala maġistrati.
Hawnhekk inżid li bħala ġudikanti nisa, intom tafu tkunu wkoll ta’ eżempju għal bosta tfajliet u studenti nisa u tkunu ta’ ispirazzjoni għalihom biex jieħdu l-istess passi għal karriera ta’ suċċess u siewja għas-soċjetà, bħalkom.
Fil-qadi ta’ dmirijietkom m’għandix dubju li ser tkunu qed tiġu mmexxija minn sens ta’ responsabbiltà u professjonalità.
Fuq kollox hija kruċjali l-imparzjalità li biha biss tista’ tinkiseb il-ġustizzja.
Fil-ħidma tagħkom m’għandu jgħodd l-ebda twemmin, razza, kulur, wiċċ jew preferenza, li jista’ jinfluwenza deċiżjoni li tkunu mistennija tieħdu.
Ma’ dawn inżid ukoll l-integrità, li meta tkun indukrata u preżervata, tilqa’ minn kull kritika professjonali, kif ukoll dik personali.
Minn Ġudikant, wieħed jistenna indipendenza sħiħa, minn kull indħil, influwenza jew pressjoni esterna, biex ix-xogħol tagħkom isir bis-serenità assoluta, li jirrikjedu deċiżjonijiet ta’ piż kbir għas-soċjetà kollha.
Jistenna wkoll aġġornament kontinwu fil-liġi u l-ġurisprudenza.
Barra mill-Qrati, żommu wkoll quddiem għajnejkom li għall-poplu inġenerali, intom eżempju ta’ korrettezza, etika u onestà fl-imġiba tagħkom, kullimkien, mhux fuq il-bank tal-Qorti biss.
Ninsab konvint li dawn il-valuri ser ikunu qegħdin imexxukom f’kulma tagħmlu.
Nifirħilkom, Sinjuri Mħallfin, u nħeġġiġkom tagħmlu l-almu tagħkom sabiex bil-ħidma tagħkom tkompli tissaħħaħ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna.
Nawguralkom kull suċċess.