Onorevoli Andy Ellul, Segretarju Parlamentari,
Mistednin Distinti,
Sinjuri,
Irrid nibda billi nirringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari Għad-Djalogu Soċjali ta’ din l-istedina. Kemm hu sabiħ li għal sena oħra qegħdin nagħtu ġieħ lil dawk kollha li matul l-aħħar sena spikkaw fil-qasam tax-xogħol tagħhom.
Din hija l-ewwel sena mingħajr restrizzjonijiet fl-aħħar tliet snin.
Irrid inrodd ħajr lill-ħaddiema kollha tas-sagrifiċċji li għamlu matul il-pandemija.
Nibda b’dawk li xogħolhom ma setax isir mid-dar, dawk hekk imsejħa ‘frontliners’ li ħadmu lejl u nhar qatigħ u spiss ’il bogħod mill-aktar għeżież tagħhom. B’mod speċjali qed nirreferi għal dawk li jaħdmu fis-settur tas-saħħa, tas-sigurtà, ix-xufiera, tal-merċa, ħaddiema tal-banek u servizzi bażiċi oħrajn. Minkejja l-biża’ mill-mard baqgħu jagħtu l-ħidma tagħhom bla waqfien.
Bl-istess mod nirringrazzja lill-ħaddiema kollha li b’ħafna paċenzja u reżiljenza offrew is-servizzi tagħhom online. F’moħħi jiġu mal-ewwel l-istituzzjonijiet akkademiċi kollha mill-kindergarten sal-ogħla livell terzjarju, is-Servizz Pubbliku, u l-ħafna kumpaniji privati li jaħdmu f’oqsma differenti.
Fl-istess waqt, ma jonqosx radd ta’ ħajr għal min iħaddem, li b’ħafna flessibilità, kreattività u b’fiduċja sħiħa fil-ħaddiema tagħhom, ħolqu u taw spazju lil sistemi elettroniċi li bihom salvaw l-impjiegi ta’ eluf ta’ ħaddiema u bl-istess mod baqgħu jieħdu profitt u jagħtu sehem dirett fl-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna.
Ilkoll kontu katina, fejn bis-saħħa tagħkom kollha, ħadna ħsieb il-vulnerabbli u rajna li pajjiżna jibqa’ jikber ekonomikament. Ta’ dan għandna kollha nkunu kburin.
[Kif irrefera l-Onorevoli Ellul], irrid inħeġġeġ lil min iħaddem li fejn l-esperjenza tal-pandemija għallmitna nkunu flessibbli u effiċjenti, inkomplu nagħmlu użu minn dawn is-sistemi anke issa li r-restrizzjonijiet huma xi ħaġa tal-passat.
Nemmen li s-sistemi varji li tħaddmu offrew bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiema. Fl-istess ħin, tnaqqset il-ħafna konġestjoni mit-toroq u mill-uffiċini fejn anke l-konsumatur tgħallem juża sistemi elettroniċi għal bosta servizzi. Kien għalhekk proċess ta’ bidla pożittiva għal kulħadd. Infaħħar, għaldaqstant, dawk l-inizjattivi, kemm fis-settur pubbliku u anke f’dak privat, li biddlu sitwazzjoni negattiva għal metodi li żiedu l-effiċjenza u l-produttività, u fl-istess ħin ħadu ħsieb is-saħħa tal-ħaddiema tagħhom.
Sinjuri,
Pajjiżna minn dejjem kien magħruf għall-għaqal u l-bżulija tal-ħaddiema tiegħu. F’dawn l-aħħar snin żdiedu sew il-ħaddiema barranin fostna. Dawn kienu, għadhom, u se jibqgħu element kruċjali fis-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna. Filwaqt li nirringrazzjahom tal-kontribut validu tagħhom, nixtieq li kull wieħed minn dawn jiġi trattat b’rispett u b’dinjità għas-servizz li jkunu qed jagħtu.
Dan l-aħħar, smajna ħafna b’inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Uħud fatali. Din hija weġgħa kbira kull darba li sseħħ. Nixtieq għalhekk niġbed l-attenzjoni ta’ kull min iħaddem biex ma jkunux xħaħ fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Min iħaddem u l-awtoritajiet responsabbli għandhom ikunu xprun ta’ inizjattivi li jieħdu ħsieb lill-impjegati minn diżgrazzji li jkunu jistgħu jiġu evitati bi ftit aktar attenzjoni u dixxiplina.
Ejja nżommu f’moħħna u napprezzaw bi sħiħ li l-ħaddiem hu l-akbar riżorsa li għandu pajjiżna. Riżorsa kbira li dejjem tiżviluppa f’servizzi ta’ eċċellenza. Huwa importanti għalhekk li nagħrfu kif nieħdu ħsiebha bl-aħjar mod. B’hekk insaħħu isem pajjiżna f’kull servizz li noffru.
F’okkażjoni bħal tal-lum inħossni kburi bit-talent u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema u l-kumpaniji tagħna. Intom li qegħdin hawn, nominati u ppremjati, qed isservu ta’ xempju għal oħrajn fejn jidħlu l-etika u l-istandards fuq il-post tax-xogħol.
F’isem il-Poplu Malti, nifirħilkom kollha tas-servizz li qegħdin tagħtu lil pajjiżna u nawguralkom aktar ħidma sfiqa fil-ġejjieni.
Il-lejl it-tajjeb.